Automated Revenue Management Services Ltd (ARMS)
Il-ftehim mal-utent dwar il-portal onlajn
Definizzjonijiet
Il-Kont
Ifisser il-kont tal-utent, miksub permezz tar-reġistrazzjoni fil-portal, fejn l-utent jista’ jagħmel użu mis-servizzi pprovduti minn din il-websajt.
ARMS
Ifisser Automated Revenue Management Services Limited (C 46054).
It-Termini ġenerali
Ifissru t-Termini u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-aċċess u l-użu ta’ din il-websajt.
Il-Portal
Ifisser il-portal tal-web li hu parti minn din il-websajt, fejn l-utent jirreġistra biex jibbenifika mis-servizzi pprovduti mis-sit, li huma disponibbli permezz tas-sistemi bl-internet ta’ ARMS.
It-Termini
Ifissru t-Termini u l-kundizzjonijiet marbuta mar-reġistrazzjoni u l-użu tal-portal kif previsti mill-ftehim mal-utent u li jinkludu t-Termini ġenerali.
L-utent jew int
Ifissru kwalunkwe persuna li rreġistrat għall-aċċess u għall-użu tal-portal.
L-Applikazzjoni
ARMS żviluppat sistema, li tista’ tintuża permezz ta’ dan il-portal, li bis-saħħa tagħha tista’ tibbenefika mis-servizzi pprovduti minn dan il-portal. Dawn it-Termini japplikaw għall-użu tal-portal u għal kwalunkwe servizz offrut minn dan il-portal, inkluż kwalunkwe servizz ieħor li jista’ jiġi offruti fil-futur.
Il-portal hu propjetà ta’ ARMS.
ARMS ma tagħti ebda garanzija li l-aspetti funzjonali tal-portal ma jkunux interrotti jew bla żbalji, jew li l-portal jew is-server li jagħmluh disponibbli, huma ħielsa minn vajruses jew komponenti oħra li jistgħu jagħmlu ħsara.
ARMS ma tagħti ebda garanzija li l-utenti kollha għandhom aċċess għal kull jew kwalunkwe servizz indikat hawn fuq, u lanqas ma tagħti garanzija tal-aċċess jew tal-użu kontinwu, kif ukoll tal-funzjonalità tagħhom. Jekk m’għandekx aċċess għall-ebda/xi wħud minn dawn is-servizzi, tista’ tikkuntattja lil ARMS biex tingħata aktar tagħrif dwar dan.
ARMS jista’ jibdel kwalunkwe materjal disponibbli fuq il-portal mingħajr ebda preavviż.
It-Termini
Dawn it-Termini għar-reġistrazzjoni u għall-użu tal-portal huma miżjuda ma’ u kumplimentari għat-Termini ġenerali, li wkoll japplikaw għall-aċċess u għall-użu tal-portal u tal-kont.
L-aċċess għall-portal u għall-użu tiegħu huma suġġetti għar-rispett u l-approvazzjoni sħiħa tat-Termini dettaljati f’dan il-ftehim mal-utent. Biex ikunu jistgħu jużaw il-portal, l-utenti għandhom jaqblu mat-Termini mingħajr ebda limitazzjoni. Aqra u aċċetta dawn it-Termini u l-kundizzjonijiet kollha qabel ma ssir ir-reġistrazzjoni.
Ma tistax tagħmel użu mill-portal jew minn kwalunkwe servizz offrut minnu jekk għandek anqas minn 18-il sena jew jekk ma tistax tagħmel parti minn kuntratti li huma legalment vinkolanti.
Meta timmarka l-kaxxa li tindika l-aċċettazzjoni int taċċetta dawn it-Termini mingħajr riżervi.
Ir-Reġistrazzjoni
Biex tkun tista’ tagħmel użu mil-portal u minn kwalunkwe applikazzjoni onlajn, se tintalab toħloq Kont. Għandek ittemm il-proċess ta’ reġistrazzjoni billi tipprovdi informazzjoni kompleta u eżatta, hekk kif mitlub fil-formola tar-reġistrazzjoni. Kwalunkwe informazzjoni falza li tipprovdi, mingħajr preġudizzji għal kwalunkwe rimedju ieħor disponibbli għal ARMS, tirriżulta fit-terminazzjoni immedjata tal-Kont tiegħek u tal-użu tal-portal.
Int għandek l-obbligu li tiżgura li f’kull ħin l-indirizz elettroniku u d-dettalji oħra ta’ kuntatt u dawk personali pprovduti lil ARMS huma korretti u aġġornati.
Jekk ARMS tħoss li l-informazzjoni li pprovdejt mhix eżatta jew mhix kompluta, ARMS tista’ tissospendilek id-dritt ta’ aċċess għall-portal b’effett immedjat. Kwalunkwe informazzjoni li tissottometti waqt li qed tirreġistra biex tagħmel użu mill-portal u kull aġġornament ta’ din l-istess informazzjoni huma suġġetti għan-nota ta’ sigurtà stipulata fit-Termini ġenerali.
Int se tintalab ukoll tagħżel password u username li se jintużaw biex taċċessa l-Kont. Se tirrikonoxxi u taċċetta li tkun u li tibqa’ responsabbli li żżomm il-kunfidenzjalità tal-username, tal-password u tad-dettalji tal-kont tiegħek.
Int se tkun responsabbli miż-żamma tas-sigurtà tal-Kont u minn kwalunkwe użu tal-Kont.
Int tirrikonoxxi li se tkun responsabbli għal kwalunkwe attività li sseħħ permezz tal-password u mill-kont tiegħek. Jekk tissuspetta li l-username u/jew il-password ġew kompromessi, ikkuntattja lil ARMS immedjatament u ibdel il-password tiegħek.
Int ma tistax: (i) tagħżel jew tuża bħala username l-isem ta’ persuna oħra bl-intenzjoni li timpersona lil dik il-persuna; jew (ii) tuża bħala username isem li hu suġġett għal kwalunkwe drittijiet ta’ persuna għajr tiegħek, mingħajr awtorizzazzjoni xierqa. ARMS iżżomm id-dritt li tirrifjuta reġistrazzjoni ta’ jew li tikkanċella kont għad-diskrezzjoni tagħha biss.
Il-username u l-password tiegħek għandhom jinżammu kunfidenzjali. ARMS m’għandhiex tiżvela l-username u/jew il-password tiegħek sakemm mhux mitlub jagħmel hekk minnek bħala utent, jew mill-Qorti kompetenti jew minħabba xi ħtieġa legali oħra.
Int għandek tkun responsabbli biex tikseb u tħaddem kwalunkwe tagħmir jew servizzi anċillari meħtieġa biex taqbad ma’, taċċessa jew tuża l-portal, inklużi u mingħajr limitazzjoni, modems, hardware, software jew kwalunkwe servizz tat-telefown. Int għandek tkun responsabbli li tiżgura li dan it-tagħmir u s-servizzi anċillari huma kompatibbli mal-portal.
ARMS iżżomm id-dritt li tivverifika l-użu tiegħek tal-portal, inkluż u mingħajr limitazzjoni, id-dritt li tuża data marbuta mal-użu tiegħek tal-portal.
Bidla fit-Termini
ARMS iżżomm id-dritt li tibdel dawn it-Termini minn żmien għal żmien għal raġunijiet legali, regolatorji jew għal kwalunkwe raġuni oħra. ARMS se tagħmel sforzi raġonevoli biex tinnotifikak bi kwalunkwe tibdil. Dawn il-bidliet japplikaw għall-użu tal-portal b’effett immedjat. Jekk ma tixtieqx taċċetta t-Termini l-ġodda jew dawk kif emendati, m’għandekx tibqa’ tuża l-portal. Jekk tkompli tuża l-portal wara d-data li fiha l-bidla tkun daħlet fis-seħħ, l-użu kontinwu tiegħek tal-portal jindika li taqbel magħhom u li int marbut bit-Termini l-ġodda u/jew b’dawk kif emendati.
Il-Garanziji
L-informazzjoni disponibbli fuq dan il-portal hi strettament indikattiva u pprovduta għal raġunijiet ta’ informazzjoni biss. Għalkemm ARMS għamlet ħilitha kollha biex tiżgura li l-informazzjoni pprovduta f'dan il-portal tkun eżatta fil-ħin tal-pubblikazzjoni, ARMS ma tagħmel jew tagħti ebda rappreżentazzjoni jew garanzija, espressa jew impliċita, tal-kontenut, tal-eżattezza, tal-kompletezza, tal-operabbiltà, tad-disponibbiltà jew tal-adegwatezza ta’ din l-informazzjoni, lanqas ta’ kemm hi tajba għal użu jew skop, tkun xi tkun ir-raġuni.
Kwalunkwe pagament li jsir permezz ta’ websajts oħra jew sistemi onlajn oħra jista’ ma jkunx reġistrat immedjatament fuq il-portal. Kwalunkwe informazzjoni ta’ dan it-tip tista’ tieħu sa 5 ijiem ta’ xogħol biex tiġi reġistrata/imtellgħa mal-informazzjoni disponibbli permezz tal-portal.
Għaldaqstant ARMS tiċħad kwalunkwe responsabbiltà għal żbalji, ommissjonijiet, jew nuqqas ta’ eżattezza fl-informazzjoni disponibbli fuq dan il-portal. Kwalunkwe użu ta’ jew dipendenza fuq din l-informazzjoni ssir b’riskju tiegħek. ARMS tiċħad kwalunkwe responsabbiltà għal kwalunkwe ħsara li tirriżulta mit-tniżżil ta’ jew aċċess għal kwalunkwe informazzjoni jew materjal fuq il-portal.
F’każ fejn b’xi mod l-informazzjoni fuq il-portal ma tkunx eżatta, mhux kompluta, jew/u inadegwata, ir-responsabbiltà ta’ ARMS tkun limitata għal rettifika/korrezzjoni ta’ din l-informazzjoni.
Il-portal jista’ jkollu ħoloq u referenzi għal websajts terzi. Dawn huma pprovduti għall-konvenjenza u fl-interess tal-utent u la jimplikaw responsabbiltà għal u lanqas l-approvazzjoni minn ARMS tal-informazzjoni li tinsab fihom. ARMS ma tagħti ebda garanzija, espliċita jew impliċita, tal-eżattezza, tad-disponibbiltà jew tal-kontenut tal-informazzjoni, tat-test jew tal-grafika, li mhumiex propjetà ta’ ARMS.
ARMS ma tagħti ebda garanzija ta’ eżattezza tal-informazzjoni pprovduta minn sorsi esterni u ma taċċetta ebda responsabbiltà għal kwalunkwe konsegwenza li tinġieb minħabba l-użu ta’ din l-informazzjoni.
ARMS ma tagħti ebda garanzija li l-aspetti funzjonali tal-portal ma jkunux interrotti, jew li jkunu mingħajr żbalji, jew li dan il-portal jew is-server li jagħmlu disponibbli, se jkunu aċċessibbli kull ħin. Għaldaqstant ARMS tiċħad kwalunkwe responsabbiltà għall-fatt li l-portal jista’ ma jkunx aċċessibbli jew disponibbli f’xi ħinijiet partikolari.
L-obbligi ta’ ARMS
Sakemm dan ikun fil-kontroll raġonevoli tagħha, ARMS se tagħmel sforzi raġonevoli biex:
-- Tipprovdilek sistema sigura li tippermetti li l-flus li jittieħdu mill-karta tal-kreditu/tad-debitu tiegħek ikunu f’ammonti awtorizzati minnek u;
-- Tieħu kull pass u prekawzjoni raġonevoli biex tiġi kriptata kwalunkwe informazzjoni maħżuna fis-sistemi onlajn tagħha pprovduti lilha fil-ħin tat-trażmissjoni tagħhom lil ARMS.
ARMS iżżomm id-dritt li tibdel is-servizz u dawn it-Termini skont dawn l-istess Termini.
L-obbligi tiegħek
Tirrikonoxxi u taċċetta wkoll li biex tagħmel użu mill-portal se:
-- Iddaħħal kwalunkwe informazzjoni li tista’ tintalab minn ARMS marbuta mad-dettalji personali u/jew dawk tal-karti tal-kreditu/tad-debitu;
-- Iddaħħal biss id-dettalji tal-karta tal-kreditu/tad-debitu li int legalment awtorizzat tuża. Jekk dan ma jkunx il-każ tkun qed tabbuża mis-servizzi tal-portal u tkun qed tikser dawn it-Termini;
-- Tonora kull pagament li joħroġ u li jiġi mitlub għall-użu tiegħek tal-Kont u d-debitar konsegwenti li jseħħ tal-karta tad-debitu/kreditu tiegħek, liema dettalji jkunu ġew mogħtija minn qabel minnek stess;
-- Tikkumpensa u żżomm bla danni lil ARMS għal kwalunkwe telf imġarrab minn ARMS f’każ li tinstab tikser wieħed jew aktar minn dawn it-Termini;
-- Ma tittrasferixxi ebda dritt u/jew obbligi f’dawn it-Termini lil persuni terzi u;
-- Tavża lil ARMS immedjatament bil-miktub bi kwalunkwe tibdil fid-dettalji personali tiegħek, inklużi l-indirizz elettroniku/postali, kif ipprovduti fir-reġistrazzjoni għall-użu tal-portal.
Istruzzjonijiet lil ARMS
Fejn hu possibbli, kull pagament, istruzzjoni, ordni, applikazzjoni, ftehim, dikjarazzjoni ta’ intenzjoni u messaġġ sottomess permezz tal-Kont tiegħek se jitqies vinkolanti min-naħa tiegħek. Tifhem u taċċetta li int responsabbli għal kull talba u/jew istruzzjoni li toriġina mill-Kont tiegħek.
Int tawtorizza lil ARMS tieħu azzjoni dwar kull istruzzjoni li tirċievi mill-Kont tiegħek permezz tal-portal, li tkun intbagħtet, jew b’mod raġonevoli tidher li ntbagħtet, minnek stess.
Int tiddikjara u tikkonferma li kwalunkwe informazzjoni mogħtija mingħandek lil ARMS hi vera u korretta u tirrikonoxxi li ARMS mhix obbligata tieħu ebda miżura biex tikkonferma jew tivverifika kwalunkwe istruzzjoni, lanqas issib soluzzjoni għal jew tibdel xi istruzzjonijiet mibgħuta mill-Kont tiegħek.
Int tinżamm responsabbli għal kwalunkwe tranżazzjoni li ARMS tagħmel bħala riżultat ta’ istruzzjoni li tintbagħat mill-Kont tiegħek. ARMS ma tinżammx responsabbli jekk l-eżekuzzjoni ta’ kwalunkwe istruzzjoni ddum ma sseħħ, ma tkunx korretta, jew ma sseħħx, minħabba informazzjoni jew istruzzjonijiet li mhumiex korretti. ARMS iżżomm id-dritt li ma tipproċessax istruzzjoni qabel ma tikseb l-informazzjoni meħtieġa jew mixtieqa.
ARMS iżżomm id-dritt li tirrifjuta li tieħu azzjoni dwar kwalunkwe istruzzjoni li toriġina mill-Kont tiegħek kemm-il darba ARMS temmen li hemm raġuni għala dik l-istruzzjoni speċifika hi invalida jew ma ġietx mingħandek, jew għal xi raġunijiet oħra, u ARMS ma tistax tinżamm responsabbli għal kwalunkwe telf jew ħsara mġarrba minnek b’riżultat ta’ dan ir-rifjut.
Sakemm ma jsirx ftehim mod ieħor, int għandek id-dritt tikkanċella istruzzjoni meta trid qabel ma jibda l-proċess tal-eżekuzzjoni tagħha. Dan il-proċess għandu ħlas tal-ikkanċellar marbut miegħu li jkopri l-infiq u/jew spejjeż amministrattivi li ARMS tkun għamlet, fejn applikabbli.
Irċevuti elettroniċi
Jekk tħallas il-kontijiet tiegħek jew tagħmel pagament permezz tal-Kont tiegħek, se jkollok il-possibbiltà tistampa rċevuta elettronika biex iżżommha bħala rċevuta fiskali legali. Mhux se tirċievi verżjoni stampata tal-irċevuta għal din it-tranżazzjoni.
Tista’ tara, tniżżel, taħżen u tistampa l-irċevuti elettroniċi. Hi fir-responsabbiltà tiegħek li tipprovdi d-dettalji korretti permezz tal-portal. ARMS mhix responsabbli għal data mhux korretta li tidher fuq l-irċevuta li tkun ingħatat minnek stess.
ARMS ma tinżammx responsabbli għal kwalunkwe ħsara f’każ li rċevuta elettronika ma tinħariġx għal xi tranżazzjoni.
Aċċess ristrett jew waqfien tas-servizz
Int responsabbli għal kull użu jew attività fuq jew mill-Kont tiegħek. Taċċetta li tuża l-portal u l-Kont tiegħek esklussivament għall-iskopijiet espressi f’dawn it-Termini. Kwalunkwe attività ta’ frodi, ta’ abbuż jew li titqies illegali tagħti d-dritt lil ARMS tikkanċella l-Kont tiegħek għad-diskrezzjoni tagħha biss.
Jekk ARMS għandha opinjoni raġonevoli li l-Kont tiegħek:
-- Qiegħed jintuża għal kwalunkwe skop li hu illegali jew li jista’ jagħmel ħsara, iwaqqaf l-aċċess, jitfa’ pressjoni eċċessiva fuq jew jikkawża problemi fil-portal, jew jinterferixxi mal-użu u t-tgawdija tal-portal minn utent ieħor;
-- Qiegħed jintuża b’mod li ma jimxix ma’ dawn it-Termini jew bi kwalunkwe manjiera li tista’ potenzjalment tesponi lil ARMS jew kwalunkwe utent ieħor għal telf finanzjarju jew għal responsabbiltajiet legali;
-- Qiegħed jintuża b’mod inkonsistenti mal-ispirtu ta’ dan il-ftehim jew mal-politika ta’ ARMS;
-- Qiegħed jintuża biex jinkiseb jew isir tentattiv biex jinkiseb, bi kwalunkwe mezz, kwalunkwe materjal jew informazzjoni li mhux intenzjonat ikun disponibbli jew ipprovdut permezz ta’ dan il-portal;
-- Qiegħed jikser id-drittijiet ta’ partijiet terzi (inklużi, mingħajr limitazzjoni, id-drittijiet ta’ propjetà intellettwali ta’ partijiet terzi);
Tirrikonoxxi u taċċetta li ARMS tista’ tissospendi jew tikkanċella l-Kont tiegħek u l-possibbiltà tiegħek li tuża l-portal. ARMS mhix responsabbli għal kwalunkwe telf jew ħsara li tista’ ġġarrab minħabba kwalunkwe azzjoni li tittieħed skont din id-dispożizzjoni.
Barra minn hekk, ARMS iżżomm id-dritt li tillimita l-attivitajiet tiegħek fuq il-portal kemm-il darba r-restrizzjonijiet ikunu intiżi, b’mod raġonevoli, biex itejbu s-sigurtà tal-portal jew biex inaqqsu l-espożizzjoni ta’ ARMS jew ta’ utent ieħor għal responsabbiltajiet finanzjarji jew ta’ natura oħra.
Mingħajr ebda preġudizzju għal dak indikat aktar ‘il fuq, ARMS ma tagħmel jew tagħti ebda rappreżentazzjoni jew garanzija, espressa jew impliċita, dwar il-kontinwità tal-aċċess għall-portal u żżomm id-dritt, għad-diskrezzjoni tagħha biss, li twaqqaf l-aċċess tiegħek jew ta’ xi utent ieħor għall-portal u għas-servizzi relatati, jew kwalunkwe parti minnu, fi kwalunkwe ħin u mingħajr avviż.
ARMS ma tistax tiggarantixxi li l-portal, jew is-servizzi pprovduti permezz tiegħu, ikunu bla difetti. Jekk issir xi ħsara fis-servizz għandek tinforma lil ARMS u din tipprova tikkoreġi l-ħsara kemm jista’ jkun fi żmien raġonevoli. L-aċċess tiegħek għall-portal u/jew għall-Kont tiegħek jista’ jkun ristrett għal xi ħin f’xi waqtiet biex isiru xi tiswijiet, manutenzjoni jew l-introduzzjoni ta’ servizzi ġodda.
Il-Protezzjoni tad-Data
ARMS hi marbuta bil-privatezza tal-utent.
Jekk xi informazzjoni li tipprovdi tikkostitwixxi data personali, għal finijiet tal-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data 2018 (Kapitlu 586 tal-Liġijiet ta’ Malta), u r-Regolament 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016, dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment ħieles tad-data, u li tħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), ARMS se tipproċessa biss din id-data bil-manjiera u għall-iskopijiet stipulati f’dawn it-Termini. Meta tagħfas il-buttuna (Naċċetta) fi tmiem ta’ dawn it-Termini, int se tagħti l-kunsens għal dan l-ipproċessar.
ARMS se tipproċessa d-data li tipprovdilha biex tipprovdilek is-servizzi tal-portal u biex tikkuntattjak b’rabta mal-użu ta’ dan il-portal u fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kontijiet, kemm-il darba dan ikun meħtieġ. ARMS tista’ wkoll tipproċessa d-data li tipprovdilha biex tagħmel analiżi tas-suq, toħroġ statistiċi u għal skopijiet oħra għall-użu tagħha jew għall-użu ta’ entitajiet ikkontrollati mill-Gvern ta’ Malta.
Jekk tajt il-kunsens tiegħek għall-ipproċessar tad-data personali tiegħek għal skopijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta, billi mmarkajt il-kaxxa t’hawn taħt, int tista’ tagħżel, mingħajr ħlas, li ma taċċettahiex, billi tikkuntattjana fuq [email protected] jew fuq in-numru ta’ assistenza ta’ ARMS 80072222.
Kwalunkwe data personali oħra li tista’ tipprovdi biex tkun tista’ tuża s-servizzi disponibbli permezz tal-portal (bħal pagament onlajn tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma) tiġi pproċessata bl-iskop li tipprovdilek is-servizz mitlub. Id-data li tipprovdi dwar il-pagament tista’ wkoll tkun ipproċessata biex tivverifika l-affidabbiltà tal-kreditu, raġunijiet ta’ behaviour scoring u/jew għal proċessi oħra ta’ kontabbiltà u verifika.
Aħna ma nittrasferixxu ebda data personali li għandha x’taqsam miegħek lil partijiet terzi mingħajr il-kunsens tiegħek minn qabel, jew sakemm ma nkunux awtorizzati biex nagħmlu dan it-tip ta’ trasferiment skont termini legali jew skont ordni mill-Qorti tribunali jew awtorità kompetenti. Madankollu ARMS tista’ tittrasferixxi d-data personali tiegħek lil Korporazzjoni Enemalta plc, lil Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, bħala kontrolluri tad-data personali tiegħek u lis-sottokuntratturi jew lill-fornituri tas-servizz tagħha biex jipprovdulek is-servizzi li tkun tlabt jew li intitolat għalihom.
Sakemm inkunu qegħdin inżommu d-data personali tiegħek, għandek għadd ta’ drittijiet marbuta mad-data personali tiegħek, kif elenkati hawnhekk:
- Id-dritt li taċċessa – għandek id-dritt li tivverifika d-data personali li nżommu dwarek u tirċievi kopja ta’ din id-data personali
- Id-dritt li tħassar – f’ċerti ċirkostanzi tista’ titlob li nħassru d-data personali li għandna dwarek;
- Id-dritt li toġġezzjona – għandek id-dritt li toġġezzjona u li titlob li nwaqqfu l-ipproċessar tad-data personali tiegħek fejn aħna niddependu fuq l-interessi leġittimi tagħna jew ta’ parti terza għall-ipproċessar tad-data personali tiegħek jew ta’ kompitu mwettaq fl-interess pubbliku;
- Id-dritt għall-portabbiltà – tista’ titlob li nipprovdulek ċerta data personali li tajtna, f’format strutturat, li huwa komuni u li jinqara minn magna. Fejn teknikament fattibbli, tista’ wkoll titlob li nittrasmettu din id-data personali lil kontrollur ta’ parti terza indikat minnek;
- Id-dritt għal rettifika – għandek id-dritt li taġġorna jew tikkoreġi kwalunkwe data personali mhux preċiża li nżommuk dwarek;
- Id-dritt għar-restrizzjoni – għandek id-dritt li titlob li nwaqqfu l-użu tad-data personali tiegħek f’ċerti ċirkostanzi inkluż jekk temmen li qegħdin nipproċessaw id-data personali tiegħek illegalment jew li d-data personali li għandna dwarek mhix eżatta;
- Id-dritt li tirtira l-kunsens tiegħek – fejn l-ipproċessar tagħna hu bbażat fuq il-kunsens tiegħek, għandek id-dritt li tirtira l-kunsens tiegħek. L-irtirar tal-kunsens tiegħek m’għandux jaffettwa l-legalità tal-ipproċessar ibbażat fuq il-kunsens tiegħek qabel l-irtirar tal-kunsens; u
- Id-dritt li tkun infurmat dwar is-sors – fejn id-data personali li għandna dwarek ma ġietx ipprovduta lilna direttament minnek, jista’ jkollok ukoll id-dritt li tkun infurmat dwar is-sors li minnu toriġina d-data personali tiegħek.
Id-drittijiet tiegħek fir-rigward tad-data personali tiegħek mhumiex assoluti.
Jekk beħsiebek teżerċita wieħed jew aktar mid-drittijiet tiegħek għandek tikkuntattja lil ARMS fuq [email protected]
Mhux se tintalab tħallas xi miżata biex tingħata aċċess għad-data personali tiegħek (jew biex teżerċita xi drittijiet oħra speċifikati hawn fuq). Madankollu, nistgħu nitolbu ħlas raġonevoli kemm-il darba t-talba tiegħek tkun waħda manifestament bla bażi, ripetittiva jew eċċessiva. Bħala alternattiva, f’dawn iċ-ċirkostanzi, inżommu d-dritt li nirrifjutaw li nilqgħu t-talba tiegħek.
Nistgħu nitolbu informazzjoni speċifika mingħandek biex tgħinna nikkonfermaw l-identità tiegħek u niżguraw d-dritt tiegħek li jkollok aċċess għad-data personali tiegħek (jew li teżerċita kwalunkwe dritt ieħor tiegħek). Din hi miżura ta’ sigurtà bl-għan li tiżgura li data personali ma tiġix żvelata lil persuni li m’għandhomx id-dritt li jirċevuha. Biex jitħaffef ir-rispons tagħna, nistgħu wkoll nikkuntattjawk biex nitolbuk aktar informazzjoni dwar it-talba tiegħek.
Responsabbiltà
Sal-limitu massimu permess mil-liġi, b’eċċezzjoni fejn it-telf jew il-ħsara huma kkawżati direttament minħabba traskuraġni serja jew kondotta ħażina intenzjonata min-naħa tagħha, ARMS mhix responsabbli għal kwalunkwe telf jew ħsarat, ikunu xi jkunu, kemm diretti jew indiretti, u kemm jekk f’kuntratt, tort, quasi-tort jew mod ieħor, b’konsegwenza tal-użu ta’ dan il-portal, is-servizzi disponibbli permezz tiegħu, jew l-użu jew id-dipendenza fuq l-informazzjoni disponibbli f’dan il-portal.
ARMS, f’ebda ċirkustanza, mhi responsabbli għat-telf ta’ profitt, avvjament, negozju jew tfaddil antiċipat, dirett jew indirett, jew għal kwalunkwe telf jew ħsarat indiretti jew konsegwenti.
ARMS mhix responsabbli għal kwalunkwe telf li jirriżulta mis-servizzi, mit-tagħmir, software, hardware, jew kwalunkwe komponent ieħor ipprovdut minn partijiet terzi barra mill-kontroll raġonevoli (inklużi, mingħajr limitazzjoni, kwalunkwe servizzi u sistemi ta’ telekomunikazzjoni, tagħmir, software, browsers, u komponenti u sistemi tal-kompjuter) li jistgħu jintużaw minnek biex taċċessa u/jew tuża l-portal.
ARMS mhix responsabbli għat-telf li tista’ ġġarrab li jirriżulta mill-aċċess u mill-użu ta’ websajts terzi, kemm jekk taċċessa dawn is-siti mill-portal jew le.
ARMS mhix responsabbli għal ħsarat, diretti jew indiretti, li jirriżultaw mill-użu tal-portal jew mill-applikazzjonijiet li tniżżlu, u kwalunkwe preġudizzju konsegwenti, finanzjarju jew kummerċjali, jew telf ta’ informazzjoni mis-sistema tiegħek.
ARMS tirriserva d-dritt li tbiddel, tissospendi jew twaqqaf, temporanjament jew b’mod permanenti, dan il-portal jew kwalunkwe parti minnu, permezz ta’ avviż jew mingħajru, ikun xħin ikun. ARMS mhix responsabbli għal ebda persuna f’każ ta’ bidla, sospensjoni jew waqfien ta’ dan il-portal (jew kwalunkwe parti minnu).
Int taqbel li tindennizza u li żżomm lil ARMS mingħajr danni għal kwalunkwe telf jew ħsara mġarrba minn kwalunkwe persuna b’riżultat tal-ksur min-naħa tiegħek ta’ kwalunkwe minn dawn it-Termini jew minn kwalunkwe użu mhux xieraq li tagħmel mill-portal.
Jekk tikseb aċċess li mhux awtorizzat għal kwalunkwe programm, data jew informazzjoni oħra li huma propjetà ta’ ARMS, jew ta’ kwalunkwe parti terza, taqbel li tittratta programmi bħal dawn, data jew/u informazzjoni, skont xi jkun il-każ, b’kunfidenzjalità, u taqbel li ma tiżvelax jew tagħmel użu minnu/minnhom (jew kwalunkwe parti minnu/minnhom).
Ġenerali
Jekk kwalunkwe dispożizzjoni ta’ dawn it-Termini tkun meqjusa bħala invalida jew li ma tistax tiġi infurzata, din id-dispożizzjoni titneħħa u d-dispożizzjonijiet li jifdal jiġu infurzati.
ARMS tista’, għad-diskrezzjoni tagħha biss, tassenja, iġġedded, jew bi kwalunkwe manjiera oħra tittrasferixxi d-drittijiet u l-obbligi tagħha taħt dawn it-Termini, mingħajr il-kunsens tiegħek minn qabel, sakemm assenjar, tiġdid jew trasferiment bħal dan isir fuq l-istess termini jew termini li mhumiex anqas vantaġġjużi għalik minn dawn it-Termini.
It-titli tas-sezzjonijiet huma biss għal skopijiet ta’ referenza u ma jillimitawx l-iskop jew il-limitu ta’ dawn.
Kull nuqqas ta’ azzjoni min-naħa ta’ ARMS b’rispett għall-ksur tat-Termini jew regolamenti, minnek jew minn ħaddieħor, ma jnaqqasx mid-dritt li għandha ARMS biex taġixxi b’rispett għal ksur ieħor li jista’ jsir wara dan, kemm jekk hu ta’ natura simili jew mod ieħor.
Dawn it-Termini jistipulaw il-ftehim sħiħ bejnek u bejn ARMS b’rispett għall-aċċess u l-użu ta’ dan il-portal u tal-Kont.
Dawn it-Termini, l-interpretazzjoni u l-kostruzzjoni tagħhom, għandhom ikunu rregolati mil-Liġi Maltija.
Il-Qrati ta’ Malta għandhom ġurisdizzjoni esklussiva fuq pretensjonijiet jew tilwimiet li jqumu b’rabta ma’, barra minn, jew b’konnessjoni għal dan il-portal u dawn it-Termini.
Jekk tonqos milli taċċetta t-Termini t’hawn fuq, jew kwalunkwe waħda minnhom, int għandek minnufih twaqqaf is-sottoskrizzjoni tiegħek għal kwalunkwe servizz li hu disponibbli għalik permezz ta’ dan il-Portal, tikkanċella l-Kont tiegħek u twaqqaf l-użu ta’ dan il-portal, kif ukoll tiskkonnettja minnu.
Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar dawn it-Termini, tista’ tikkuntattjana fuq [email protected] jew fuq in-numru ta’ assistenza ta’ ARMS 80072222.